7.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea

C 203/26


Artikolu 60

L-utenti potenzjali għandhom perjodikament, jinfurmaw lill-Aġenzija bil-ħtiġijiet tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam ma' fornimenti, jispeċifikaw il-kwantitajiet, il-proprjetajiet fiżiċi u kimiċi, il-post tal-oriġini, l-użu propost, id-dati tal-fornimenti u l-kondizzjonijiet tal-prezzijiet li għandhom ikunu nklużi fil-modalitajiet u l-kondizzjonijiet tal-kuntratti tal-fornitura proposta.

L-istess, produtturi għandhom jinfurmaw lill-Aġenzija bl-offerti li huma jkunu f'qagħda li jagħmlu, flimkien ma' partikularitajiet sħaħ, inklużi t-tul tal-kuntratt kif ikun meħtieġ biex jippermettilhom li jħejju l-programmi tagħhom tal-produzzjoni. It-tul ta' kuntratti bħal dawn m'għandux, ħlief bi ftehim mal-Kummissjoni, jeċċedi perjodu ta' għaxar snin.

L-Aġenzija għandha tinforma lil utenti kollha potenzjali bl-offerti u l-volum tat-talbiet li tkun irċeviet hi u għandha tistiedenhom li jippreżentaw l-ordnijiet tagħhom sa data partikolari.

L-Aġenzija għandha, wara li tirċievi ordnijiet bħal dawn, tgħarraf il-kondizzjonijiet li bihom jistgħu jitwettqu.

Jekk l-Aġenzija ma tkunx tista' kompletament twettaq l-ordnijiet li tirċievi, għandha, f'dak li għandu x'jaqsam ma' kull offerta, talloka l-fornimenti li jkunu disponibbli fuq bażi pro rata ta' l-ordnijiet, skond id-disposizzjonijiet ta' l-Artikoli 68 u 69.

Ir-Regolament ta' l-Aġenzija, li għandhom ikunu sottomessi lill-Kummissjoni għall-approvazjoni, għandhom jiddeterminaw il-manjiera offerti w talbiet għandhom ikunu pparagunati.